L-Onor. Chris Fearne huwa d-Deputat Prim Ministru ta’ Malta u l-Ministru għal Fondi Ewropej, Djalogu Soċjali u Protezzjoni tal-Konsumatur. Bejn l-2016 u l-2024 kien Ministru għas-Saħħa fi tliet leġiżlaturi konsekuttivi. Id-DPM Fearne huwa Viċi Chairman tal-Global Leaders Group dwar ir-reżistenza għal mikrobi. F’Mejju 2023 ġie elett President tal-76 Assemblea tas-Saħħa Dinjija.

Chris Fearne ilu Membru tal-Parlament mal-Gvern Laburista mill-2013. Hu ukoll il-Kap tal-Kamra tar-Rappreżentanti u jippresjedi l-Kumitat Parlamentari tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Qabel ma sar il-Kap tal-Kamra, kien Chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Qabel daħal fix-xena politika, DPM Fearne ħadem bħala tabib u kirurgu għal aktar minn 30 sena, li matulhom okkupa l-pożizzjoni ta’ Konsulent Kirurgu Pedjatriku u Chairman Kliniku għal Kirurġija fl-Isptar Mater Dei. Huwa rċieva l-edukazzjoni formali tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fil-Mediċina u l-Kirurġija fl-1987, u sar Fellow tal-Kulleġġ Irjali tal-Kirurgi ta’ Edinburgh. Huwa ħadem u studja f’numru ta’ sptarijiet tat-tfal fl-Ingilterra, inkluż l-Isptar Great Ormond Street f’Londra. Huwa għallem wkoll bosta studenti tal-mediċina fl-Università ta’ Malta.

DPM Fearne huwa miżżewweġ lil Astrid, ukoll tabiba li tispeċjalizza fil-kura primarja pedjatrika. Għandhom 3 itfal, Dawn, Julian u Rafael u 2 neputijiet.

Skip to content